Lingwa Maltija
Malti (Malti) | |||
---|---|---|---|
Mitkellma fl- | Malta | ||
Reġjuni: | Ewropa | ||
Kelliema: | 520,000 | ||
´Familja: | Lingwi Semitiċi | ||
Lingwa uffiċjali ta': | Malta Unjoni Ewropea | ||
Regolati: | Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti | ||
ISO 639-1: | mt | ||
ISO 639-2: | mlt | ||
ISO 639-3: | mlt | ||
SIL: | [1] | ||
| |||
Ara ukoll: Lingwa |
Il-Malti huwa l-ilsien nazzjonali tar-Repubblika ta' Malta. Huwa l-ilsien uffiċjali flimkien mal-Ingliż; kif ukoll wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan l-ilsien għandu sisien u għerq semitiku, ta' djalett Għarbi li ġej mill-Afrika ta' Fuq, għalħekk qatt ma kellu rabta mill-qrib mal-Għarbi Klassiku. Iżda tul iż-żminijiet, minħabba proċess tal-latinizzazjoni ta' Malta, bdew deħlin bosta elementi lingwistiċi mill-Isqalli, djalett ta' art li wkoll għaddiet minn żmien ta' ħakma Għarbija. Wara l-Isqalli beda dieħel ukoll it-Taljan, fuq kollox fiż-żmien tad-daħla tal-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann sa meta l-Ingliż ħa post it-Taljan bħala l-ilsien uffiċjali fil-Kostituzzjoni Kolonjali tal-1934. Il-Malti huwa l-ilsien waħdieni ta' għajn semitika li jinkiteb b'ittri Latini. L-alfabett Malti magħmul minn 30 ittra (24 konsonanti u 6 vokali) li jidhru f'din l-ordni:
Ittri Kbar | |||||||||||||||||||||||||||||
A | B | Ċ | D | E | F | Ġ | G | Għ | H | Ħ | I | IE | J | K | L | M | N | O | P | Q | R | S | T | U | V | W | X | Ż | Z |
Ittri Żgħar | |||||||||||||||||||||||||||||
a | b | ċ | d | e | f | ġ | g | għ | h | ħ | i | ie | j | k | l | m | n | o | p | q | r | s | t | u | v | w | x | ż | z |
Għamla[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Malti huwa lsien magħmul minn bċejjeċ lingwistiċi mħalltin li juru iż-żminijiet li għadda minnhom il-ġens fl-imgħoddi, imgħoddi mimli ħakmiet barranin matul mijiet ta' snin. Għalkemm għandu sisien Għarbija, nistgħu naraw li l-ilsien Malti huwa mibni minn għadd kbir ħafna ta' bċejjeċ li ġew minn miklem rumanzi (mit-Taljan u mill-Franċiż) u wkoll, iktar biswitna fiż-żmien, mill-Ingliż.
L-ilsien Malti beda jiġi meqjus bħala l-ilsien uffiċjali tal-gżejjer Maltin mis-sena 1934, meta dan iddaħħal mal-Ingliż minħabba li l-akbar biċċa tan-nies ma kinux jafu jaqraw, dan ifisser li l-ġens Malti la kien jaf jitkellem bit-Taljan u wisq inqas bl-Ingliż; dan huwa l-każ tipiku fejn bejn żewġ ġellieda, igawdi t-tielet wieħed. Kienet ġrajja kontroversjali ħafna meta wieħed jaħseb li dak iż-żmien, Malta kienet taħt il-ħakma tal-Ingliżi, u b'hekk kien hemm kunflitt ta' interess meta l-Ingliżi nfushom ħolqu kostituzzjoni li kienet tagħti daharha lill-kultura li kienet ilha tgħix għal mijiet ta' snin. Iżda wieħed ma jistax iċaħħad il-fatt li l-Ingliż kellu sehem qawwi fit-tmexxija 'l quddiem soċjo-politiku u awtonomu ta' dan il-ġens.
Għalkemm il-Malti daħal f'ħafna oqsma tas-soċjetà bħalma huma l-politika, il-liġi u, sa ċertu punt, il-midja popolari, l-Ingliż f'Malta huwa l-ilsien ewlieni f'dak li għandu x'jaqsam mas-settur tal-kummerċ barrani, u studji Xjentifiċi (inklużi l-istudji tal-Matematika, il-Fiżika, il-Mediċina, u b'mod mill-iktar predominanti, fl-Informatika). Instab ħafna, minn riċerkaturi storiċi, f'manuskritti ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta (meqjusa fost l-eqdem imkatab nazzjonali fid-dinja), u fi bnadi oħra sabiex jiġi muri b'mod dirett it-tħaddim tal-ilsien Malti lura fis-snin, u s'issa nafu sew li dan kien mitħaddem f'sura tixbah dik tal-lum sa mis-Seklu XVI.
Ġrajjiet[immodifika | immodifika s-sors]
Matul bosta żminijiet il-Maltin ħaddnu l-ilsien Taljan bħala l-ilsien uffiċjali tal-pajjiż. : Il-Kavallieri ta' San Ġwann, bejn l-1530 u l-1798 ħaddnu t-Taljan bħala lsien uffiċjali (ferm qabel l-Italja stess, li ngħaqdet bħala stat wieħed, bid-djalett Toskan, il-Fjorentin, djalett Taljan ta' Firenze, bħala lsien tal-ġens) fl-1864.
Mal-wasla tal-Ingliżi fis-sena 1800, il-gżejjer Maltin għaddew minn taħt idejn is-sultan taż-Żewġ Sqallijiet, li kien wiret iċ-ċens perpetwu tal-Gżejjer Maltin mingħand is-Sagru Imperu Ruman, għal taħt il-ħakma tal-Imperu Brittanniku uffiċjalment fis-sena 1814, u tant kienu jiswew għall-Ingliżi li dawn kienu lesti jagħmlu għall-Franċiżi mbasta Malta tibqa' f'idejhom. Dwar l-ilsien dan ma biddel xejn għaliex it-Taljan kompla jgawdi għeruq qawwija ġewwa Malta, l-aktar fost in-nies mgħallma, professjonisti, reliġjużi imlaħħqa u kummerċjanti kbar.
Mal-wasla tagħhom f'Malta, l-Ingliżi sabu pajjiż bi klassi ta' nies ta' skola (tobba, avukati, kleriċi, nutara, periti u riċerkaturi) li kienu jżommu mat-Taljan, u meta tħalliet il-libertà tal-istampa naraw kif bdew ifaqqsu rivisti u ġurnali bit-Taljan. Kien fattur li poġġa lil Malta fi klassi oħra ta' territorji maħkuma mill-Ingliżi. Malta kellha l-klassi politika tagħha, il-qrati tagħha, reliġjon organizzata, u bażi infrastrutturali ta' marsiet u difiża tajbin ħafna għal dak iż-żmien. Żgur li din tal-aħħar flimkien mas-serħan tal-moħħ li l-Maltin ma kienux ser jiġġieldu kontrihom, kienu ġibda li żammew lill-Imperu Brittanniku f'Malta dak iż-żmien.
Tajjeb li naraw li għalkemm il-klassi mgħallma tal-pajjiż kienet żgħira fl-għadd u għaldaqstant inqas meta mqabbla man-nies kollha, din ma kinitx karatteristika lokali biss. Tassew, din kienet qagħda li wieħed seta' jqabbel ma' bnadi oħrajn tal-Ewropa ta' nofsinhar (bħal fi Sqallija u fl-Italja t'Isfel) fejn ftit kienu n-nies li kellhom aċċess għat-tagħlim.
L-element ta' konvenjenza politika beda jaqbad art ġmielu hekk kif l-ekonomija u l-kummerċ tjiebu, u dan ġara b'mod speċjali meta faqqgħet il-gerra tal-Krimea u meta nfetaħ il Kanal ta' Sueż, li poġġa 'l Malta fil-mogħdija ewlenija tal-Imperu Britanniku. Il-preżenza militari Ingliża ġibdet kummerċ u ċaqliq ta' nies, saħħet is-snajjiet tradizzjonali marbuta mal-industriji tal-marsijiet iżda daħlet snajja' ġodda u tagħlim ġdid fil-mekkanika. F'kelma waħda, żdied il-kuntatt mal-Ingliżi tant li l-ilsien Ingliż (għax qabel ekonomikament u 'l quddiem, politikament ukoll) bdiet tinbet bħala t-tieni lsien wara t-Taljan. Din tal-aħħar kienet taħkem fost il-professjonisti u kleriċi li kellhom rispett u importanza fost in-nies bla tagħlim. Il-popolin qajla kellu aċċess għat-tagħlim għaldaqstant ftit li xejn kellu rwol f'dan il-kuntest ta' żvilupp lingwistiku dak iż-żmien.
L-Ilsien Malti fil-Kostituzzjoni ta' Malta[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kostituzzjoni Repubblikana ta’ Malta, Kapitlu I, Artiklu 5, tgħid hekk:
(1) L-ilsien Nazzjonali ta’ Malta huwa l-ilsien Malti.
(2) L-ilsien Malti u l-ilsien Ingliż u dawk l-ilsna l-oħra li jistgħu jiġu preskritti mill-Parlament (b’liġi mgħoddija b’mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra tad-Deputati) ikunu l-ilsna uffiċjali ta’ Malta u l-Amministrazzjoni tista’ għall-finijiet kollha uffiċjali tuża kull wieħed minn dawk l-ilsna: Iżda kull persuna tista’ tindirizza ruħha lejn l-Amministrazzjoni f’kull wieħed mill-ilsna uffiċjali u t-tweġiba tal-Amministrazzjoni għal hekk tkun b’dak l-ilsien.
(3) L-ilsien tal-Qrati jkun l-ilsien Malti: Iżda l-Parlament jista’ jagħmel dak il-provvediment għall-użu tal-ilsien Ingliż f ’dawk il-każijiet u taħt dawk il-kundizzjonijiet li jista’ jippreskrivi.
(4) Il-Kamra tad-Deputati tista’, meta tirregola l-proċedura tagħha, tistabbilixxi l-ilsien jew l-ilsna li għandhom ikunu wżati fi proċeduri u annotazzjonijiet parlamentari.
Kapitlu VI, Artiklu 74 jgħid hekk:
Ħlief kif provdut xort’oħra mill-Parlament, kull liġi għandha ssir kemm bl-ilsien Malti kif ukoll bl-ilsien Ingliż u, jekk ikun hemm xi kunflitt bejn it-test Malti u t-test Ingliż ta’ xi liġi, it-test Malti għandu jiġi minn fuq.
Kittieba bil-Malti[immodifika | immodifika s-sors]
Interessanti huwa l-għadd dejjem jikber ta' xogħlijiet letterarji Maltin ta' nies bħal Oliver Friggieri, li l-kotba tiegħu ta' proża u poeżija ġew maqluba għall-bosta ilsna oħra u għadd kbir ta' kittieba żgħażagħ. L-iktar tliet kittieba Maltin magħrufa fid-dinja huma Francis Ebejer (drammaturgu), Dun Karm Psaila (il-poeta nazzjonali) u Oliver Friggieri.
Rumanziera[immodifika | immodifika s-sors]
- John F. Marks - awtur tar-rumanz soċjali Tejbilhom Ħajjithom
- Alfons Maria Galea - fundatur tas-sensiela tal-Kotba tal-Mogħdija taż-Żmien bil-Malti
- Ġino Muscat Azzopardi - awtur ta’ Anġli tan-Niket
- Ġużè Aquilina - awtur ta' Taħt Tliet Saltniet
- Ġużè Bonnici - awtur ta' rumanzi u novelli
- Ġużè Galea - awtur ta' Raġel bil-Għaqal, San Ġwann u rumanzi storiċi oħra
- Ġużè Ellul Mercer - awtur tar-rumanz Leli ta’ Ħaż-Żgħir, u djarju tal-gwerra Taħt in-Nar
- Ġużè Orlando - awtur tar-rumanz L-Ibleh
- Ġużè Chetcuti - awtur ta’ novelli u rumanzi, drammi kif ukoll ta’ studji kritiċi
- Ġwann Mamo - awtur tar-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka
- Pawlu Xuereb - awtur ta’ rumanzi tad-ditektifs.
- Kelinu Spiteri magħruf bħala Kilin.
- J. J. Camilleri - l-awtur ta' Aħna Sinjuri u rumanzi oħra
- Frans Sammut - awtur ta' rumanzi fosthom Il-Gaġġa, Samuraj u Il-Ħolma Maltija
- Paul P. Borg - awtur ta' Dal-Lejl Ġie Alla
- Trevor Zahra-awtur ta' l-ghar tax-xelter
- Oreste Calleja - awtur ta' drammi, fosthom "Anestesija", "Satira", "Pawlu Redux"
Awturi ta' Novelli[immodifika | immodifika s-sors]
- Carmel G. Cauchi
- Pietru Pawl Saydon - awtur ta' novelli, traduttur tal-Bibbja
- Lino Spiteri - awtur ta' novelli u rumanzi
- Temi Zammit - kittieb tal-ktieb Il-Gżejjer ta' Malta u l-Ġrajja Tagħhom
Poeti[immodifika | immodifika s-sors]
(Ara wkoll Lista tal-poeti tal-ilsien Malti)
- Mario Azzopardi
- Ġorġ Borg
- Rużar Briffa
- Anton Buttigieg - Il-Poeta tan-Natura
- Dun Frans Camilleri
- Ninu Cremona
- Anastasju Cuschieri - Il-Poeta tal-Madonna
- Ġużè Delia - Il-Poeta tal-Leġġendi
- Victor Fenech
- Albert Marshall
- Ġużè Muscat Azzopardi
- Dun Karm - Il-Poeta Nazzjonali
- Joe Friggieri
- Oliver Friggieri
- Mary Meilak
- Achille Mizzi
- Ġorġ Pisani - Il-Poeta tal-Istorja
- Philip Sciberras - poeta; magħruf għall-Mandala
- Marjanu Vella
- Karmenu Vassallo - Il-Poeta tan-Nirien
- Ġorġ Zammit
Drammaturgi[immodifika | immodifika s-sors]
- Oreste Calleja
- Albert Cassola
- Ġużè Diacono - ġurnalist u kittieb ta’ drammi b’tema socjali realistika. Awtur tad-dramm Il-Madonna taċ-Ċoqqa.
- Francis Ebejer
- Alfred Sant - awtur ta' drammi, rumanzi u novelli
Aktar tagħrif[immodifika | immodifika s-sors]
- Għal aktar tagħrif fuq il-lingwa Maltija żur: http://en.wikipedia.org/wiki/Maltese_language
- Il-Ħidma tal-Partit Laburista favur l-Ilsien Malti
- Hull, Geoffrey. The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism. Said International, Valletta, 1993.
Dizzjunarji fuq l-Internet[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Wikizzjunarju għandu daħla li għandha x'taqsam ma': Malti |
Dizzjunarju Ingliż-Malti/Malti-Ingliż
- [http://www.dicts.info/dictionary.php?l1=English&l2=Maltese Agħfas hawn għal Dizzjunarju
Dizzjunarju Universali tal-Malti
Dizzjunarju Bażiku Malti