Il-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ imur kontra r-rieda tar-residenti
Mozzjoni biex jinbidel isem ta' triq waqt li hemm 14-il triq oħra bla isem
Il-Kunsill Lokali Laburista ta' Ħaż-Żebbuġ approva mozzjoni biex l-isem ta' Triq l-Isqof
F.S. Caruana jinbidel u minflok jiġi Triq
Frans Sammut li kien jgħix f'din it-triq. Minkejja dan, din il-mozzjoni tmur kontra r-rieda ta' 118-il resident tat-triq minn 174 li ffirmaw petizzjoni biex l-isem ma jinbidilx.
F'din il-petizzjoni, ir-residenti jgħidu li filwaqt li japprezzaw u jifhmu li Frans Sammut għandu jkun imfakkar b'mod dehen f'Ħaż-Żebbuġ, huma ma jaqblux li jinbidel l-isem tat-triq tagħhom. Dan kemm għax l-Isqof Franġisku Saverio Caruana hu figura storika Żebbuġija stabbilita u din it-triq rabtet isimha miegħu, imma wkoll għax il-bdil tal-isem se joħloq inkonvenjent għar-residenti stess.
F'din it-triq wieħed isib ukoll l-uffiċini tal-Kunsill Lokali u l-iskola li hi wkoll il-post ewlieni tal-votazzjoni tal-elezzjonijiet lokali u ġenerali.
Kienet propju
Catherine Sammut, mart Frans Sammut u kunsilliera Laburista tal-lokal li tgħix propju fl-istess triq, li xtaqet li l-isem tat-triq jinbidel għal dak ta' żewġha. Hi ma pparteċipatx fil-vot minħabba dan il-kunflitt ta' interess.
Frans Sammut kien kittieb li bejn l-1996 u l-1998 inħatar ukoll konsulent tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien
Alfred Sant u kien ukoll viċin ħafna tal-Partit Laburista waqt li l-Isqof Saverio Caruana hu l-uniku Isqof Żebbuġi li qatt inħatar u flimkien ma' tnejn oħra kien mexxa r-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi.
Fil-laqgħa tal-Kunsill li saret nhar il-Ħamis 8 ta' Awissu, il-kunsillier
Philip Said ressaq mozzjoni ssekondata mill-kunsillieri
Roderick Aquilina u
George Cortis biex it-triq antika u waħda mill-itwal f'Ħaż-Żebbuġ tibqa' b'dan l-isem, jiġifieri Triq l-Isqof Caruana. Il-kunsillieri tal-PN għamluha ċara li għandom rispett sħiħ lejn Frans Sammut iżda huma fid-dmir li jisimgħu mir-residenti.
Skont il-kunsillieri, is-Sindku donnu kien ippreparat sew, tant li saħansitra xtara ktieb minn butu fejn fih hemm spjegat il-karattru tal-Isqof Caruana. Skont is-Sur Grixti, l-isqof Caruana "ma tantx għamel ġieħ għal Ħaż-Żebbuġ għax dejjem ħaseb fih innifsu u mhux għan-nazzjon."
Din id-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Ħaż-Żebbuġ tistona meta wieħed iqis li f'Ħaż-Żebbuġ hemm 14-il triq bla isem u faċilment seta' ngħata l-isem ta' Frans Sammut lil waħda minn dawn it-toroq.
Biex tittaffa l-kritika fuq il-Kunsillieri tal-PL li njoraw dak li xtaqu r-residenti ta' Triq l-Isqof Caruana, is-Sindku
Alfred Griscti ppropona li l-isem tal-14-il triq l-oħra jiġu deċiżi mir-residenti tal-istess toroq biex b'hekk il-Kunsill jagħti l-impressjoni li jagħti każ dak li jridu r-residenti
... imma din l-idea ma tantx intlaqgħet tajjeb mill-kunsillieri l-oħra Laburisti.
Infatti, wieħed mill-kunsillieri Laburisti,
Cain Grech, ippropona li minflok jitqabbdu żewġ persuni biex joħorġu bl-ismijiet.
Kien għalhekk li ntalab vot fil-kunsill biex il-kunsillieri jiddeċiedu bejn il-proposta tas-Sindku, li l-ismijiet jiġu deċiżi mir-residenti, jew dik ta' Cain, li ppropona li jitqabbdu xi persuni biex joħorġu bl-ismijiet.
Meta ġie biex jittieħed il-vot, is-Sindku nnifsu bidel fehmtu u vvota kontra li r-residenti ta' dawn it-toroq jitħallew jagħżlu huma l-isem tat-triq tagħhom -- jiġifieri vvota kontra l-idea tiegħu stess. B'hekk, b'4 voti kontra 3, din il-proposta m'għaddietx.